Monday, September 19, 2016

Il-PBS se jħallas lin-nies biex imorru jċapċpu lil Saviour Balzan

Saviour Balzan - dak li jmexxi l-gazzetta li darba Lou Bondi sejjaħ il-'Malta Labour Party Today' - ingħata programm ġdid fuq TVM.

M'għandniex għalfejn niddubitaw li dan il-programm ingħatalu bis-sistema meritokratika li ntroduċa f'pajjiżna l-Gvern ta' Joseph Muscat. Dan wara li kull programm li preżenta Balzan dejjem irnexxielu jikseb l-agħar riżultati mmaġinabbli.

Fil-kuriduri tal-PBS intqal li l-ħsieb oriġinali ta' Balzan kienet li dan il-programm jieħu post Xarabank ta' Peppi Azzopardi.

Biex juri lil kulħadd kemm għandu lanżit għal Peppi, Balzan ra kif għamel u daħħal ix-'X' ta' Xarabank fil-logo tal-programm il-ġdid u bħala slogan qed juża l-frażi 'Bla Kantunieri' li huwa l-isem ta' rokna li ilha ssir f'Xarabank minn żmien żemżem.

Biex żgur ma jkollu xejn inqas minn Xarabank, Saviour Balzan irid ukoll li jkollu udjenza live - sala mimlija nies iċapċpu lilu u lill-mistiedna tiegħu.

Iżda hawn Saviour Balzan sab intopp kbir. Saviour kellu jiffaċċja r-realta' li lanqas jekk jiġbor l-udjenza kollha li tissaporti tara programm minn tiegħu mill-kumdita tas-sufan tad-dar ma jirnexxielek timla sala!

Iżda la Saviour irid iċ-ċapċip wara kull mistoqsija li jistaqsi, kellu jinstab mod kif din il-ħolma ssirlu realta' - għax dan huwa Gvern li jappoġġja l-aspirazzjonijiet (ta' Saviour u ta' xi nofs tużżana oħra).

Allura ddeċidew li jibdew iħallsu lil min jattendi għall-programmi ta' Saviour Balzan. Iva, sewwa qrajtu. Il-PBS se jibda jagħti l-flus lil Balzan biex hu jagħti remunerazzjoni lil min jattendi għall-programmi tiegħu.

M'għandix dubju li kieku din l-istorja ġrat fi żmien Gvern Nazzjonalista, Saviour Balzan kien isejjħilha 'skandlu'. Immaġinaw kemm kien jitbaqbaq u jitmansaħ kieku l-Gvern ta' dak iż-żmien ta mqar Ewro wieħed lill-Where is Everybody? biex bih tħallas lill-udjenza fis-sala.

Iżda issa tant wiċċ Saviour qagħdlu għal kollox li qed ikun hu li jirreklama biex in-nies imorru jċapċpu lilu minn fuq dahrna.

5 comments:

  1. "Renumerazzjoni" - se jtuhom numru ġdid. Jekk trid tipprova tagħmilha tal-intellliġenti u timpressjona, kun ċert li taf l-ortografija tal-kelma li trid timpressjona biha. Jekk le, ikteb sempliċi "ħlas"

    ReplyDelete
  2. Allura xi tghidli ghal Malta indipendent, u Times of Malta? Dawn mhux suppost indipendenti? jew kull min hu kontra tieghek hazin. Ara kemm ghandkom hdura u GHIRA ghall Joseph Muscat u il-Gvern li qed imexxi. Gej xi attakk fuq Saviour Balzan issa ghax hareg il verita fuq Fenech Adami????? piiifff kemm intom tan nejk

    ReplyDelete
  3. Allura malta Indipendent u Times of Malta xinhuma? Ara kemm int tan nejk ta ghax xi hadd qal xi haga kontra il PN u min ihaddanha issa gej attakk kontra min qalha? ara veru ghandkom qrusa bazwija ta.. inkredibbli kemm inthom ghajjurin ghal PL li qed jaghmel dak li ma ghamiltux intom f'25 sena.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Igifieri ghamel artiklu shieh u minn dak kollu frazi dahlet f'mohhok biss. X'ma jamilx success is-Super 'WE ARE ONE'. Insomma, nispera li jibdew jistidnuni fl-udjenza halli ma tafx kif ndahhal xi haga. Nikkumpensa naqra ghas-60c zieda li tana fil-budget.

      Delete
  4. Ir-reklam ta' SB (le mhux Simon B) tal-14 ta' Settembru, l-ahhar sentenza.

    "Dawk kollha li se jattendu se jircievu renumerazzjoni"

    Milli jidher mhux l-Ingliz biss tal-kolonna tieghu hemm fejn jitranga, u jitranga sewwa, izda anke l-Malti.

    "Renumerazzjoni"? Forsi jird ighid hawnhekk is-Sur Saviour, li kull min imur, se jinghata numru temporanju ghax wara se jinnumerahom mill-gdid?








    ReplyDelete